Dwarna

Ix-Xogħol Tagħna

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ġie mwaqqaf skont it-termini hekk kif imniżżla fl-Att Dwar il-Kummissarju għat-Tfal tal-2003, sabiex jippromwovi il-benesseri tat-tfal u li jkun hemm konformità mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda Dwar id-Drittijiet tat-Tfal, hekk kif ratifikata minn Malta fis-26 ta’ Jannar tal-1990. Dan jgħodd ukoll għal kwalunkwe tip ta’ trattati internazzjonali, konvenzjonijiet u arranġamenti li għandhom x’jaqsmu mat-tfal, hekk kif inhuma jew kif jiġu ratifikati jew aċċettati minn Malta.
 
Ix-xogħol tal-Uffiċċju jiffoka fuq: il-protezzjoni tat-tfal, il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li jassikura lit-tfal ikollhom dawk is-servizzi neċessarji għalihom, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom speċjalment f’temi li jolqtuhom direttament. L-Uffiċċju jaħdem billi jkun punt ta’ referenza li jsegwi b’reqqa is-sitwazzjoni soċjali u kulturali fejn jidħlu t-tfal, sabiex jgħin b’mod sostanzjali fil-ko-ordinazzjoni ta’ ħidma li hija neċessarja f’oqsma differenti sabiex din tkun iffukata primarjament fuq il-ħtigijiet tat-tfal.
 

Il-Kummissarju

Il-Kummissarju għat-Tfal, is-Sinjura Pauline Miceli, ġiet appuntata nhar il-5 ta’ Jannar 2016 għal perjodu ta’ tlett snin. It-terminu tagħha ġie estiż bi tlett snin skont il-liġi. Il-Kummissarju għat-Tfal tisħaq li tipproteġi l-aħjar interessi tat-tfal kollha li jgħixu ġewwa Malta u Għawdex.

Pauline Miceli hija għalliema bħala professjoni u ħadmet f’dan l-irwol kif ukoll bħala amministratriċi kemm f’livell sekondarju u post-sekondarju għal ħafna snin. Okkupat il-post ta’ Kap ġewwa l-iskola sekondarja Giovanni Curmi qabel irtirat. Hija għandha lawreja fl-Istudji dwar iż-Żgħażagħ u l-Kommunita’ u ħadmet b’mod volontarju f’oqsma li jiffukaw fuq żgħazagħ u tfal li qegħdin taħt kura residenzjali.

Għal diversi snin hija kienet involuta wkoll fi programmi fuq radju u televiżjoni, kemm bħala produttriċi u preżentatriċi, immirati għat-tfal u għall-adulti. Is-Sinjura Miceli, ippublikat numru ta’ kotba għat-tfal, kif ukoll studju ibbażat fuq stejjer mill-ħajja tan-Nisa. Fil-passat kienet ukoll tikkontribwixxi b’mod regolari b’kitbiet fuq gazzetta lokali.

Is-Sinjura Miceli, kienet tifforma parti wkoll mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar għal 12-il sena qabel ma’ irreżenjat mill-kariga sabiex tidħol fl-irwol ta’ Kummissarju għat-Tfal f’Jannar tal-2016. Fiż-żmien li għamlet bħala kunsilliera, hija ffukat primarjament fuq is-servizzi edukattivi fil-kommunita’ u anke l-librerija lokali.

Hija wkoll nanna ta żewgt itfal.

Kunsill tat-Tfal

Artiklu 12 tal-Att tal-Kummissarju għat-Tfal jitkellem dwar it-twaqqif ta’ Kunsill tat-Tfal li l-għan tiegħu hu li jassisti u jagħti parir lill-Kummissarju fix-xogħol imwettaq mill-Uffiċċju. Il-Kunsill tat-Tfal hu mmexxi mill-Kummissarju huwa ffurmat minn dawn il-membri:

  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mill-Familja u Politika Soċjali
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mis-Saħħa
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli għall-Affarijiet Interni
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja
    Iċ-Ċerperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali
  • Massimu ta’ sebat itfal magħżula biex ikunu parti mill-Kunsill.

Il-Kunsill tat-Tfal hu mitlub mil-liġi li jiltaqa’ minimu ta darba kull tliet xhur.